Poetry on Film – Translating Words into Moving Image

Date/Time
Date(s) - 01 Feb 2016 - 09 Feb 2016


posterPOETRY ON FILM
Translating word into moving image
Workshop mad-direttriċi Yasmin Fedda, Highlight Arts

Skadenza għall-applikazzjonijiet:
It-Tlieta 9 ta’ Frar, 12 nofsinhar

Dati u post tal-workshop:
Is-Sibt 13 – Il-Ħadd 14 ta’ Frar, 9 am – 6.30 pm
Soċjetà Maltija tal-Arti, 219 Triq ir-Repubblika, il-Belt
Nhar is-Sibt 13 u l-Ħadd 14 ta’ Frar, mid-9 am sas-6.30 pm għand is-Soċjetà Maltija tal-Arti, il-Belt, ser isir workshop prattiku dwar il-films tal-poeżija, immexxi mid-direttriċi Yasmin Fedda ta’ Highlight Arts.

Dan il-workshop qed jiġi organizzat mill-Inizjamed bħala parti mill-proġett Poetry on Film ta’ Valletta 2018, bil-għan li jitrawwem is-settur tal-films tal-poeżija f’Malta. Yasmin Fedda, awtriċi ta’ diversi films tal-poeżija kif ukoll ta’ dokumentarji li xxandru fost l-oħrajn fuq il-BBC u Al Jazeera, se tagħti ħarsa ddettaljata lejn dawn li ġejjin:

(a) Approċċi kontemporanji differenti għall-films tal-poeżija.
(b) Il-lingwaġġ viżiv, kif tistruttura u tirrakkonta storja fuq l-iskrin.
(c) Kif tfassal proposta u baġit ta’ film qasir, u kif tħejji għal sessjoni ta’ pitching.

Minnufih wara l-workshop, ser toħroġ sejħa għall-proposti mid-diretturi sabiex jinħadmu żewġ films tal-poeżija, ta’ bejn 4 u 8 minuti u b’baġit massimu ta’ € 3,000 kull wieħed iffinanzjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, għall-edizzjoni li jmiss tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta (MMLF, mill-25 sas-27 t’Awwissu 2016, fil-Forti Sant’Iermu).

Filwaqt li għaż-żewġ edizzjonijiet li għaddew tal-Festival il-films tal-poeżija ġew ikkummissjonati apposta, din is-sena se jkun hemm proċess selettiv, bid-diretturi applikanti jagħżlu minn fost tliet poeżiji ta’ Lillian Sciberras jew ta’ Raymond Mahoney, it-tnejn rappreżentanti tal-poeżija Maltija tat-tmeninijiet. Dawn is-sitt poeżiji, magħżula minn Immanuel Mifsud bħala konsulent letterarju tal-proġett Poetry on Film, se jintbagħtu lil dawk li jkunu se jattendu għall-workshop ftit jiem qabel ma jibda, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu waħda minnhom u jħejju abbozz ta’ synopsis li jkunu jistgħu jiżviluppaw waqt il-workshop.

L-iskadenza għall-proposta finali tagħlaq fil-31 ta’ Marzu; dawk li jintgħażlu għal-lista l-qasira mbagħad jiġu mistiedna għal sessjoni ta’ pitching f’nofs April. Iż-żewġ proposti magħżula jridu jinħadmu f’film sa tmiem Lulju, biex imbagħad jintwerew waqt il-MMLF u jitressqu għal festivals u konkorsi internazzjonali.

Il-parteċipazzjoni fil-workshop hija b’xejn, b’massimu ta’ 15-il post, u bil-preferenza tingħata li min jista’ jattendi ż-żewġ ġranet. Biex tapplika għall-workshop, ibgħat e-mail lil inizjamedprojects@gmail.com bid-dokumenti li ġejjin, sat-Tlieta 9 ta’ Frar f’nofsinhar:

– ittra ta’ motivazzjoni
– cv bil-filmografija
– sken jew ritratt tal-karta tal-identità jew tal-permess ta’ residenza

Il-films tal-poeżija li ġew ikkummissjonati u ntwerew fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-MMLF kienu Eleġija, maħdum minn Kenneth Scicluna u mnebbaħ mill-poeżiji Dedika u Eleġija ta’ Doreen Micallef bħala rappreżentanta tal-poeżija tas-snin sittin; u Ried Ikun Jaf, b’direzzjoni ta’ Edward Said u produzzjoni ta’ Emma Mattei, abbażi ta’ poeżija ta’ Mario Azzopardi bl-istess titlu, tas-sebgħinijiet.

Għal aktar tagħrif dwar il-workshop u l-proġett Poetry on Film, ċempel 99464531 (Antoine Cassar) jew ibgħat e-mail lil inizjamedprojects@gmail.com.

Ara wkoll: http://valletta2018.org/events/call-for-applications-poetry-on-film


Yasmin Fedda rebħet diversi premji għad-dokumentarji tagħha, bit-temi jvarjaw mill-furnara ta’ Edinburgh għall-monasterji tas-Sirja. Uħud mill-films tagħha ġew innominati għall-BAFTA u ntwerew f’festivals internazzjonali, fosthom dawk ta’ Sundance, Glasgow u Abu Dhabi: Milking the Desert (2004), Breadmakers (2007), A Tale of Two Syrias (2012) u Siamo Tornati / We Are Back (2013). L-aħħar film tagħha, Queens of Syria (2014), dwar grupp ta’ ħamsin mara Sirjana eżiljati f’Amman, mingħajr ebda esperjenza teatrali, li jingħaqdu biex itellgħu t-traġedja Griega In-Nisa Trojani fuq il-palk, ixxandar fuq il-BBC u rebaħ il-Black Pearl Award. Fedda hija wkoll il-fondatriċi ta’ Tell Brak Films.

Fedda għandha PhD fit-Transdisciplinary Documentary Film, u hija kofondatriċi u programmatriċi ta’ Highlight Arts, organizzazzjoni li taħdem ma’ artisti f’żoni u żminijiet ta’ kunflitt. Fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tas-sena 2015, intwerew tliet films tal-poeżija ta’ Yasmin Fedda: A Man Dies in Me, abbażi ta’ poeżija ta’ Zhawen Shally; C.V., fuq poeżija ta’ Ali Wajeeh; u An Imminent Dawn, imnebbaħ mill-poeżija ‘Twin’ ta’ Ahmad Abdul Hussein.